You are here

Jekk ma tridx tħalli d-dinja kif sibtha...

minn evan chetcuti

Fl-aĦbarijiet sikwit nisimgħu dwar ħaddiema fil-pajjiżi fqar li jipproduċu affarijiet bħal ħwejjeġ, prodotti tal-ikel u ġugarelli li filwaqt li aħna nħallsu l-belli liri għalihom biex nixtruhom, il-kumpaniji transnazzjonali partikolari jħallsu ’l dawn il-ħaddiema bil-loqom. Quddiem dawn l-inġustizzji hemm żewġ għażliet. Jew li tħalli kollox għaddej qisu m’huwa jseħħ xejn, jew inkella tagħmel xi ħaġa biex tipprova twaqqaf din l-inġustizzja u tgħin biex ma tħallix id-dinja kif sibtha.

Nathalie Grima, attivista favur id-drittijiet ta’ persuni emarġinati u foqra madwar id-dinja, għarfet il-bżonn li hemm ħafna xogħol x’jista’ jsir biex ngħinu nnaqqsu dawn l-anomaliji u inġustizzji soċjali li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom magħhom dawn in-nies. Barra li ħadmet b’mod volontarju mill-viċin ma’ nies żvantaġġjati u foqra f’diversi pajjiżi bħall-Italja, it-Tuneżija, l-Uganda u l-Peru, hija kienet ukoll waħda mil-fundaturi ta’ proġett partikolari, bil-għan li jdaħħal kunċett ġdid fostna l-Maltin, dak tal-kummerċ ġust.

Intejbu l-kwalità tal-ħajja

Permezz tal-kummerċ ġust, il-ħaddiema u aħna bħala xerrejja nistgħu naħdmu flimkien biex intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ xulxin, filwaqt li l-ħad- diema fil-pajjiżi l-fqar jingħataw ħlas ġust u kundizzjonijiet xierqa ta’ xogħol.

Iltqajt ma’ Nathalie fil-ħanut li bħala Koperattiva Kummerċ Ġust fetħu fil-Belt Valletta. Ħanut bl-isem ta’ L-Arka li huwa mmexxi minn għadd ta’ volontiera, li fih issib prodotti differenti ġejjin mill-pajjiżi l-fqar tad-dinja, kemm minn pajjiżi tal-Amerika Latina kif ukoll mill-Asja u l-Afrika.

Ħanut uniku

“Dan il-ħanut huwa uniku tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Hawn ġew hawn dinja sħiħa ta’ snajja’ u kulturi differen-ti, fosthom xogħol tal-artiġ-ġjanat, fl-injam u metall. Issib ukoll strumenti mid-dinja kollha, kartolini, tapiti, CD’S u ħafna affarijiet oħra. Min-kejja d-differenzi kollha, dawn il-prodotti għandhom xi ħaġa komuni. Kull prodott li nbiegħu huwa mibni fuq dak li nemmnu li jfisser li huwa proġett ġust.”

Fissritli l-mod kif wieħed jagħraf bejn prodott b’kum-merċ ġust minn prodotti oħra li ssib fl-ixkafef ta’ ħwienet kummerċjali oħra. Stednitni nifli sew kull prodott fil-ħanut tagħha u osservajt tabella li tindika dan. Spjegatli li l-monitoraġġ tal-kummerċ ġust isir minn federazzjoni internazzjonali u jekk dik il-kumpanija partikolari tilħaq il-livelli meħtieġa tingħata dan ir-rikonoxximent biex b’hekk il-prodott ikun jista’ jinbiegħ bħala wieħed b’kummerċ ġust.

Innaqqsu t-tbatijiet u l-inġustizzji

“Bla ma kultant nindunaw aħna bħala konsumaturi b’dak li nixtru ta’ kuljum nistgħu nnaqqsu t-tbatijiet u l-inġustizzji ta’ nies fil-bżonn. U dan nistgħu nagħmluh billi nixtru prodotti li ġejjin b’kummerċ ġust. B’din l-għażla tagħna meta nagħżlu prodott ġust inkunu qegħdin ninvestu f’ġejjieni aħjar, kemm għall-eluf ta’ bnedmin kif ukoll għall-ħolqien inġenerali.”

Għalkemm temmen li din hija problema kbira fejn il-kummerċ dinji huwa bbażat fuq strutturi nġusti li jakkomodaw lil min huwa diġà komdu u jkomplu jkissru lil min huwa mkisser, madankollu tħoss li fil-preżent qed isir ħafna xogħol f’dan il-qasam. Semmietli kif anke fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea qiegħda tkun indirizzata, tant li minn żmien għal żmien qegħdin jagħfsu aktar fuq il-ħsieb li l-pajjiżi membri għandhom iżidu fil-konsum ta’ dawn il-prodotti ġusti. Fil-fatt, b’mod inġenerali, b’mod speċjali fl-Ingilterra, il-prodotti ġusti tal-ikel żiedu fil-bejgħ tagħhom.

Liema huwa l-orħos prezz

Dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, minkejja li l-pubbliku huwa aktar infurmat dwar il-kunċett tal-kummerċ ġust aktar minn qatt qabel, xorta tħoss li l-Maltin għadhom f’dik il-fażi ta’ liema huwa l-orħos prezz, irrispettivament mill-kwalità u l-ħsieb tal-ġustizzja soċjali.

“Lura fis-sena 1996 meta waqqafna din il-koperattiva l-informazzjoni fost il-pubbliku dwar kummerċ ġust kienet minima ħafna. Illum, bis-saħħa tal-midja u tal-attivitajiet li noħolqu fost il-firxa kollha tas-soċjetà, inħoss li l-kuxjenza dwar dan is-suġġett tferrxet b’mod pożittiv. Madankollu, xorta għad hemm mentalità ta’ liema huwa l-orħos prodott, minkejja li bi ftit sforz kapaċi niggarantixxu biżżejjed qligħ biex il-ħaddiema u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa u l-edukaz-zjoni.”

Għalhekk, għaż-żmien li ġej, kemm għal Nathalie u l-għadd ta’ volontiera oħra li jemmnu f’din il-kawża ġusta se jkomplu jaħdmu biex ikabbru aktar kuxjenza lejn l-aspett tal-kummerċ ġust. Fil-fatt, bl-għajnuna tal-fondi mill-Unjoni Ewropea diġà nedew żewġ proġetti u fiż-żmien li ġej se jkomplu bix-xogħol tagħhom, kemm billi jwasslu l-prodotti għand il-konsumaturi permezz tal-ħanut u kemm b’ħidma edukattiva fl-iskejjel, ċentri taż-żgħażagħ kif ukoll f’okkażjonijiet oħra li minn żmien għal żmien ikunu mistiedna fihom. Temmet l-intervista b’messaġġ dwar dawk li forsi bil-mod mgħaġġel ta’ kif qegħdin jgħixu llum ftit jibqgħalhom ċans jaħsbu f’dawn l-affarijiet.

Messaġġ

“Il-messaġġ li xtaqt inwassal huwa wieħed ċar. Fid-dinja hemm ħaddiema li ta’ tmien sigħat xogħol jitħallsu ftit aktar minn €5. Bl-għażliet ta’ kuljum nistgħu nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom. Meta tagħżel prodott ġust tkun qed tgħin f’din il-ġustizzja soċjali filwaqt li bl-għażla tiegħek tkun qed tingħata garanzija li dawn il-ħaddiema jaħdmu f’kundizzjonijiet xierqa u qegħdin jitħallsu b’mod tajjeb tax-xogħol li jwettqu.”

Media Coverage: 

Theme by Koperattiva Kummerċ Ġust - All Rights Reserved