You are here

Tibża' Xejn Jekk Tibda x-Xita

(Malta: Edizzjoni Skarta, 2007)

Niżżel dan il-ktejbe b'xejn jew ixtri kopja tal-ktieb mill-ħanut tal-kummerċ ġust L-Arka, 306, Triq San Pawl, il-Belt Valletta. (Għandek bżonn Acrobat Reader 8.1)

Edizzjoni Skarta għadha kemm ippubblikat ktejjeb ta' 32 faċċata bil-poeżiji ta' ħames poeti li jitkellmu dwar it-tfulija jew dwar temi ta' ġustizzja. Il-ktieb jismu "Tibża’ Xejn Jekk Tibda x-Xita" u fih "13-il poeżija, għanja, u riklam." Il-ħames poeti huma Mario Cardona, Simone Inguanez, Adrian Grima, Immanuel Mifsud, u Walid Nabhan.

Din il-pubblikazzjoni, editjata minn Adrian Grima u b'qoxra ddisinjata minn Immanuel Mifsud, tħejjiet għall-kunċert "Made in Fair Trade" li sar waqt il-festival tal-kummerċ ġust bl-isem ta' WorldFest organizzat mill-Koperattiva Kummerċ Ġust nhar il-Ħadd, 24 ta' Ottubru, 2007. It-tema ta' din is-sitt edizzjoni tal-WorldFest kienet "It-Tfal u l-Kummerċ Ġust."

Il-ktieb fih daħla ta' Adrian Grima dwar "Rijayatu Razak, il-Ħaddiema Tfal u l-Kummerċ Ġust." "Il-kaġun ewlieni ta’ l-isfruttament tat-tfal fix-xogħol huwa l-faqar. Peress li ħafna drabi l-paga li jaqilgħu l-ġenituri mhix biżżejjed biex tipprovdi dar, ikel u ħwejjeġ għall-familja, it-tfal ikollhom joħorġu jaħdmu. L-akbar sfruttament tal-ħaddiema tfal jinsab fil-produzzjoni ta’ l-ikel, l-aktar fil-qasam tal-kafè, il-kawkaw, il-banana, il-larinġ u z-zokkor."

Ħafna mill-poeżiji li hemm fil-ktieb inqraw mill-awturi nfushom waqt il-kunċert tal-Worldfest. It-titlu huwa vers meħud minn "Taħniniet Fuq Stil Tradizzjonali" ta' Immanuel Mifsud, li għandu poeżija oħra, bl-isem ta' "Il-Gaġġa," li hija maħsuba għat-tfal. Bħal "Joseph u Jean" ta' Adrian Grima, din il-poeżija tirrakkonta l-esperjenzi trawmatiċi tan-nies li jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-persekuzzjoni jew l-għaks. Simone Inguanez tesplora t-traġedja u l-ħolm tat-tfal maqbudin fil-gwerra fil-poeżiji "Epitaffju għal Tifel Żgħir" u "Kulma Rrid," waqt li fil-poeżija "Fl-Isfar Fjakk" tirrakkonta kuluri u l-irwejjaħ mit-tfulija tagħha fl-ambjent urban ta' Bormla: "il-kunċizzjoni biss rat u l-ħmara ħamra ta’ konrad / (joseph għandu bħalha oranġjo)."

Hemm ton kritiku qawwi fil-poeżija ta' Immanuel Mifsud, "Nikol Mifsud, Ċittadin Malti" u f'"Sara, Oħolmilna Ħolma Ġdida" ta' Mario Cardona, it-tnejn indirizzati lil uliedhom. Il-poeżija "Ir-Riżultat" ta' Cardona taqbad lil tifel u ommu fil-mument meta, fl-isfond ta' l-indifferenza tas-sistema edukattiva, jirċievi r-riżultat ta' l-iskola li jħabbar il-falliment tiegħu li jirrifletti wkoll il-"falliment" tal-familja. "Il-Leġġenda ta’ l-Għalliem Li Ħatfuh mill-Maqjel" ta' l-istess poeta hija wkoll kritika ħarxa tas-sistema edukattiva li xxejjen il-personalità u l-individwalità tat-tfal. Il-protagonist ta' din il-poeżija jirreaġixxi billi jirkupra d-djalett u l-irwejjaħ li hu jorbot ma' tfulitu hienja.

"Il-Lingwa ta’ l-Għajnejn" ta' Adrian Grima (ippubblikata bit-titlu "Ma Nistax Ninsieh" f'It-Trumbettier ta' l-1999) tesplora s-seħer ta' raġel quddiem il-ħajja "tixxala" fl-għajnejn u r-riġlejn ta' tifel ta' sentejn, waqt li "Minn Wara l-Għolja" hija għanja li tirrakkonta l-istejjer ta' tfal maħqura fid-dinja tax-xogħol u fl-iskejjel f'Malta. "Fwd: midnight invasion" ta' Adrian Grima wkoll tirrakkonta l-istorja vera ta' għadd ta' familji fi blokk ta' appartamenti fil-Palestina li f'lejl kiesaħ fi Frar ta' l-2007 ġew attakkati minn għadd ta' suldati Iżraeljani li qalu li kienu qed ifittxu terrorista. It-tieni parti tal-poeżija hija rrakkontata ftit jew wisq mill-perspettiva ta' żewġ ibniet li jidħlu lura fl-appartament wara r-rejd tas-suldati u jsibu kollox imfarrak.

Il-poeta Palestinjan Walid Nabhan, li jikteb poeżiji u novelli bl-Għarbi u bil-Malti u ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 17-il sena bħala rifuġjat, huwa rrappreżentat f'dan il-ktieb bil-poeżija f'żewġ taqsimiet, "Il-G8." Il-poeżija hija mnebbħa mil-laqgħa li saret taħt sigurtà kbira fil-Ġermanja f'Ġunju ta' l-2007 u tikkritika bl-aħrax l-ordni fid-dinja ddominat minn ftit pajjiżi sinjuri u b'saħħithom li jimponu r-rieda skwilibrata tagħhom fuq il-bqija tad-dinja: "Sirna nafu kif il-balal jsiru gażaża/ Fi ħluq it-trabi ta’ Gaża."

Il-ktieb jagħlaq b'poeżija bil-vers ottonarju ta' Adrian Grima "Biex Timbarka" li tħabbar bla mistħija li hija "riklam" għall-kummerċ ġust (u għall-ħanut L-Arka). Din il-poeżija, flimkien ma' "Il-Lingwa ta’ l-Għajnejn," "Joseph u Jean" u "Qamar?" (li mhix inkluża f'dan il-ktieb), ġiet ippreżentata minn Adrian Grima fil-kunċert Made in Fair Trade flimkien mal-mużika funk tal-grupp Zizza Ensemble.

Il-ktieb huwa ddedikat "Lit-tfal li jafu biss il-qiegħ tal-Mediterran."

Our Products: 

Theme by Koperattiva Kummerċ Ġust - All Rights Reserved